Daret rota
ħalġet lili
mid-dussies t’ommi u missieri
fi tfuliti
id-dussies kellu l-fruntieri
magħluqin mill-kastellani
is-sigriet
tal-katnazz tagħhom, żewġ anelli,
qamar l-għasel iċ-ċavetta tal-gwardjani
imma llum li d-dussies tħammeġ
bl-iżvarjun li l-bjuda jferi
qed taqbadna n-nostalġija
għall-misteri.
Kelli ġawhra mprezzabbli
Kont urittha mal-ħolqien
kemm żejnitni bil-ġmiel tagħha
tatni l-ħajja, tajtha mħabbti
konna noqtlu għal flimkien
kemm gawdejtha
kemm għożżejtha
surtha f’qalbi naqqaxt jien
Imma darba
għax għer għalija
ġie u seraqhieli ż-żmien!
Tqajjar sew fuq subgħajha t-tafal imbeżlaq
li bih laħħmitni f’tiswira tal-għaġeb
alla ieħor f’għajnejha materni
demm
tiegħi l-wirt ta’ ġisem u ruħ
tagħha l-krittu ta’ l-immaġni u x-xebħ.
Fi dlam l-għammieq salmura
idda raġġ ta’ dawl fuq kromożomi-ċelel
misluta waħda waħda mis-sniedaq-perfezzjoni
l-amalgamazzjoni ta’ elementi prinċipali
l-arja, in-nar, l-ilma u art-il qofol
fl-irtuba milwiema tal-kaldarun uman
u sar mikrokożmu-bniedem imżejjen bir-ruħ.
Il-mara li kien ħabb, waqgħalha l-velu
F’kanal moqżież ta’ sqaq li ma jinfidx
jekk jiġborulha ma tkunx trid tilbsu lura
ix-xrief ta’ wiċċha ndafa ma jwellidx.
Il-mara li kien ħabb xofftejha rħama
laħamha tabernaklu profanat
u demmha doċċa kiesħa fl-eqqel xitwa
‘k jaqtgħalha l-vina jsib illi ffriżat.
Il-mara li kien ħabb ballata fqira
għax l-għanja fuq xofftejha qraset ħall
għal kliemha rabat m’għonqu ngassa kbira
li minnha ma jistax bl-addoċċ jinħall .
wellidha
u ma stqarrhiex
difinha
semminha
jassarha
rikbitu
żifnitlu
ttradietu
ħarstu ma wesgħethiex!
namrar ix-xewqat u t-tlellix
saħħâra ġerrejja, tittajjar
fuq ġwienaħ tar-rix;
bla sura, nebbiexa,
ferfiexa, għammiexa
bħad-dija ta’ ngott,
arjuża, furjuża,
b’ħolmitha taf tibni jew tħott.
Barrieri, fruntieri m’għandhiex
qawsalla kuluri
fertili fi tqala bla tmiem.
Ħabbejtha u ħabbitni
uliedna sunetti fjuretti ta’ kliem.
bla sura
bla sarġ
u tirkibni
ġerrej f’tellieqa ta’ mħuħ
tisromni
xxekkilni
tferfirni
nitħajjar inċedi b’mirbuħ
nitqammes
nirvella
niddwella
bħal f’rowdjow taħt piżha mitfugħ
Jekk naħfen il-palju nsibu mitruħ.
Taħt ix-xafra tleqq bħad-dija
jiġri d-demm bla kustinjar
mikrokożmi f’emerġenza
għall-prudenza jappellaw
hemm il-ħajja qed tissielet
ma’ l-imqass, l-anestesija,
il-morali konfliġġenti
jiġbdu r-riedni għall-pussess
bit-tellief iħallas b’ġildu
għat-trofew tal-bojja stess.
Hemm ix-xjenza qed tiddandan,
soluzzjoni qed tiżżanżan bħal f’ritwal,
hemm il-ġieħ li jrid jinġabar
biex jitqaddes għat-tabib pontifikal;
hemm idejn u moħħ l-ispija
jgħarrxu ‘l qirda f’biopsija
hemm ir-raża ta’ mitt kankru tifrex djulha
hemm ħanxula msejħa tama tofroq l-għama,
jongħos moħħ b’tal-kirxa l-fdal.
Taħt ix-xafra tal-kirurgu
hemm dawl l-alpha, dlam l-omega
wiċċ imb’wiċċ mar-realtà;
hemm fuq xogħolu t-Traxxendenti
f’magħżel igħaddi ċ-ċiviltà,
hemm il-mewt tintona r-requie
meta trid u mingħajr ħniena
l-iltim twelled fl-agunija
żżeffnu l-ballu tad-dagħdigħa.
Fil-wied fejn ngħammar jien
il-ħolma tmut fuq ommha
tarbija prematura
fi nkubatur bla ħġieġ…
jew bniedem li jrid jiżfen
u jaqbdu bugħawwieġ.
iżda t-tama hi s-sultana fost iċ-ċwieċ!
GĦAX OMM…
Met’omm ittir,
jakkumpanjawha l-preġji
bħall-fwieħa
lill-bukkett; jilqagħha bews l-Elett
għax omm
tfisser affett
bla xejn
tnikkir jinhemżu fuq sidirha
t-trofej
tal-erudit jilmaw f’għajnejn il-Mit
għax omm
għalliem struwit
met’omm ittir
, xi mkien jinħoloq ġnien
bi mxietel
kollha lwien, iwarrad bla waqfien
għax omm
tfisser ħolqien
mnejn
tgħaddi hi jinxtegħlu l-galassji
bi msiebaħ
imdehbin, quddiemha jagħmlu nkin
għax omm
fanal ħanin
met’omm ittir,
jixirfu l-qawsalel
iparttu ċ-ċomb man-nir
għax omm
tal-paċi ż-żir
raxxâx il-btir, warajha tħalli dellha bħal sentinell divin
iħuf wennies ma’ l-orfni fir-ronda
ta’ bla ħin
għax omm għassies ġenwin
mal-ħjut tad-djalgi muti fi slielem imsenslin
ittella’ wieħed wieħed l’l ulied qatt minsijin
flimkien jiffurmaw xemx fl-ispazju ma jintemmx.