Therese Pace

....Trains of Thought

IĊ-ĊURKETT TAT-TIEĠ TAL-MADONNA

 

Max-xemx titfi fuq l-Italja

star il-lejl infirex fin

u l-Markiż u s-sbejħa għarustu

taw kelmithom lil xulxin

 

Il-Markiż Toskan, Ranjeru

ħa ’l qaribt l-Imperatur

ġmiel Guditta jiżboq sewwa

l-għerf li fiha kien mistur

 

tfajla rżina u wisq sabiħa

b’għajnejn jilmgħu daqs iż-żġieġ

qalbha tħabbat l-hena tagħha

fl-oħla jum tagħhom tat-tieġ

 

il-Markiż bħal ħassu miexi

fuq triq watja tat-tajjar

triq imżejna kollha fjuri

donnha mfewħa bl-oħla żahar

 

il-Markiż fil-ballu rjali

kien imlibbes b’ħarir fin

li kien jixgħed l-għana tiegħu

mal-belt kollha magħrufin

 

kien jiftaħar li fl-Italja

ma kien ħadd igħaddih fil-ġid

hu l-Ġuditta dejjem wiegħedha

li jixtrilha kull ma trid

 

il-Markiż  u martu l-ġdida

kienu jiskru wara l-ġid

jintilfulek fuq rikkezzi

bħal tas-sakra fuq l-imbid

 

Perli, ġawhar, deheb, rubini

il-Markiża ħażnet sew

ħasbet l-hena tfittex fihom

timla’l qalbha bil-gamew

 

Għamad kellhom fuq għajnejhom

bla qatt setgħu ineħħuh,

kellhom ġenn, seħer, manija,

waslu ’l ġidhom iqimuh

 

Lill-irkanti jżur u jterraq

biex ħażnithom qatt ma tnin

dejjem jixtri, f’daru jgezzez

“dawk qatt m’huma mitlufin!”

 

Għar-rubini u l-iżmeraldi

żar id-dinja kif iddur

l-hena f’qalbhom bdiet titkattar

mat-tlellix ta’ kull kulur

 

Waqt daż-żmien, martu l-Markiża

kienet tħejji l-ilbies fin

tal-ħarir, satin, bizzilla,

magħhom nieqa taċ-ċkejknin

 

Kienet għodwa tar-rebbiegħa

sema safi, ikħal nir,

tpespis ħlejju ta’ l-għasafar

tħoss ġo sidrek bħal tferfir

 

Tixtieq toħroġ ġewwa l-ġonna

tmiss il-weraq kollu qtar

b’nida mxarrab, xxomm il-fwieħa

tal-larinġ mimli biż-żahar

 

Il-Markiża tat lid-dinja

frott l-imħabba minn tat-tnejn

iben ċkejken b’għajnejn żoroq

o xi ħlew, igħaxxaq l-għajnejn!

 

Festin kbir sarlu liċ-ċkejken

ġew żaruh għonja u fqar

tawh rigali, ssaħħru fuqu

ħadd ma xtaqlu ebda mrar

 

Daqqa f’saħħtu, oħra f’sodda

għadda ċ-ċkejken l-ewwel xhur

illum bekka, għada jferraħ,

daqqa sfajjar, bla kulur

 

iż-żmien gerbeb u lil Ranier

ġew ħabbrulu biex imur

għax mill-lvant, f’Ruma kien wasal

merkant kbir, magħruf, sinjur

 

l-aħbar tarraf lil Ġuditta

b’leħħa t’għoġba fuq ħaddejh

għax tagħmira deheb u ġawhar

kienet tgħodd sew għal idejh

 

il-Markiża ħalja, u rgħiba

saret ħamra bħan-nirien

u ħeġġitu biex jixtrilha

kemm deheb kellu fuq l-iġfien

 

telaq Ranier, wasal Ruma,

bl-ikbar ħrara ħarstu tleħħ

“kull ma jgħodd għalija nixtri

dak li marti trid, iseħħ”

 

sab lill-Lhudi qed jixxemmex

id-deheb fin juri b’subgħajh

żiegħel, faħħar, żewwaq kliemu

b’għerf merkant saħħru warajh

 

xtara kollox sa ma tqaxqax

xaba’ t’Alla għalih x’inhi?

jagħni ’l Kjusi, ’l daru, ’l martu

jixtieq dak li xtaqet hi

 

“xtrajt dan kollu”, qallu Ranier

“infaqt flusi, kull ma ġibt

m’għandekx int rigal tagħtini

omaġġ ċkejken ta’ li ksibt?”

 

ħaseb ftit il-merkant lhudi

f’idu stess ma jafda xejn

“aqbad dan iċ-ċurkett sbejjaħ

dan nixtieq li nagħtik b’xejn”

 

kien ċurkett żgħir ta’ l-oniċi

ħaġra mxebbħa lill-gamew

u Ranieru ħabat jisbel

“u ssejjaħlu rigal sew?

 

Dan insult għal bniedem bħali

dan in- nitfa ta’ ċurkett

ngħid li meta xtrajt mingħandek

xtaqt twaqqagħni għaż-żuffjett”

 

“le, ismagħni,” tenna l-lhudi

“dan m’huwiex rigal taċ-ċajt

m’hemmx fid-dinja deheb li jiswa

daqsu, bħalu qatt ma xtrajt

 

taf li jien Ġerusalemmi

daċ-ċurkett minn hemmhekk ġej

dan hu dak illi Ġużeppi

ta ’l Marija, omm il-feddej

 

ħudu, żommu, u ħu ħsiebu

jien għalik m’inix se ngħir

jien niġġerra mitt elf banda

u nitilfu nista’ għax żgħir”

 

il-Markiż fl-aħħar aċċetta

ħa ċ-ċurkett u telaq bih

fada l-għoqda f’id Ġuditta

u ċ-ċurkett mank biss semmieh

 

ħbieh ġo kaxxa żgħira u fina

xejn ma ħaseb iżjed fih

għax il-fidi ta’ Ranieru

kienet dgħajfa , bierda sħiħ

 

għaxar snin għaddew bħal leħħa

jiem li gerbbu bla waqfien

id-destin tafa’ ’l Ranieru

f’sogħba kbira ta’ telfien

 

kien żmien l-għana ta’ l-għasafar

smewwiet safja sħab bajdan

fil-ġnejniet il-ward ifewwaħ

u fis-siġar frott kotran

 

il-werriet ta’ ismu u ġidu,

ibnu ’l wieħed spira u miet

hekk kif qatt ma stenna Ranier

bl-għali tiegħu martu nfniet

 

“għażiż ibni, qalb ta’ qalbi

tħallilniex dal-vojt fid-dar

kif qatt nista’ ngħix mingħajrek?

ma niflaħx ghal dan l-imrar!

 

O aħfirli jekk inqastek

m’għaraftx ngħożż ’l ibni qaddis

la tixħetx is-saħta fuqna

xerred ward u sliem, għażiż”

 

Min se jfarraġ lill-Markiża

min se jferraħ qlub ħatjin?

xi swew l-għana w ir-rikkezzi,

binhom mar fl-art tal-mejtin

 

Il-missier miġnun bil-għali

ħejja l-isbaħ funeral

saħansitra ġab bikkejja

daqq u kant mill-kor tat-tfal

 

Biex il-jum jibqa’ miftakar

kollox ried jagħmel bi kbir

it-tebut, quddiesa, d-difna,

kollox xieraq ried li jsir

 

Il-kuruni minn kull rokna

b’fjuri mfewħa, rand, u żahar,

ħonqu l-kmajra siekta w kiebja

fejn it-tfajjel kien, fid-dar

 

Eluf kbar dehru fil-knisja

forsi minnha miftumin

kulħadd xtaq għall-aħħar darba

jara t-tfajjel markeżin

 

Kif it-tfajjel, f’nofs il-knisja

ta’ katavru kien stirat

seħħet ħaġa li fid-dinja

darba biss instema’ ġrat

 

B’għoġba kbira tal-miġbura

imbikkija jħarsu lejh

għajnejh fetaħ, dlonk iċċaqlaq

il-lewn reġa’ deher f’ħaddejh

 

In-nies twerwret, tbikkmet, stagħġbet,

rogħda kbira f’mewġa ġriet,

ħadd ma felaħ fehmtu jlissen

ħadd ma tniffes, saltan skiet

 

ħarstu dawwar lejn il-folla

donnu kap ta’ reġiment

għajnejh serraħ fuq missieru,

w il-qassis, u qal dikment:

 

“jien diġa fid-dinja l-oħra

dħalt, u l-ġenna lmaħt fil-qrib

smajt il-kant qaddis tas-sema

smajt tax-xjaten ħalf u krib

 

smajt il-għana u d-daqq ħlejju

fuq vjolini fis-smewwiet

fil-bogħod nilmaħ lill-Omm Verġni

li b’kull hena qalbi mliet

 

mara safja kollha bjuda

kliemha jpaxxi lill-widnejn

fetħet fommha fwieħa ħarġet

u leħħnitli dal-kelmtejn:

 

‘ibni, int ma tistax tiġi

ħdejja biex nithennew bik

għax missierek għandu tiegħi

iċ-ċurkett li rridu jtik’

 

jien  bdejt nibki għax sogħobbija

‘xtaqt,’ għidtilha, nibqa’ ħdejk’

qaltli ‘mur għid lil missierek

iġibhuli, jtih f’idejk

 

għidlu jqiegħdu fuq altari

biex jintqiem, bla xejn ma jdum

għidlu, aħna lkoll fis-sema

nafu x’ġara f’dak il-jum”

 

il-miġbura, lejn Ranjieru

ħarsu kollha miblugħin

min qatt basar li għad jisma’

li jqum mejjet jgħid kelmtejn!

 

‘Mma Ranieru qam u ħareġ

u ħafif lejn daru mar

daħal jiġri biex il-ħatem

jerġa’ joħroġ minn ġod-dar

 

ġab il-kaxxa żgħira u fina

kollha kisi tal-ħarir

telaq f’id ibnu ’l waħdieni

is-suġġett ta’ dal-jum kbir

 

x’ma kienx jagħti, x’ma kienx jitlef

biex qalb ibnu bl-hena tfur

ra kemm frugħa toffri d-dinja

ra kif l-hena bl-għana tmur

 

ibnu mbissem, b’rogħda f’idu,

l-kaxxa fetaħ, ħares lejh

ra ċ-ċurkett leqqieni u sbejjaħ

imbagħad ħafnu bejn idejh

 

radd salib u ħajr imtenni

id-dmugħ ġelben minn għajnejh

qalbu tqanqlet ġewwa sidru

dehret fawra fuq ħaddejh

 

f’idu ċkejkna, it-tfajjel dawwar

iċ-ċurkett biex rah kulħadd

għajnejh xegħlu b’leħħ il-ġenna

reġa’ ’l Alla ruħu radd

 

iċ-ċurkett, minn dil-ġurnata

għadda f’id il-qassisin

biex kif xtaqet il-Madonna

iqimuh kull jum u ħin

 

fil-katina tad-deheb dendlu

liċ-ċurkett tal-Verġni Omm

biex fi knisjet San Mustjola

in-nies qima u talb iddomm

 

kien jinkixef erba’ drabi

tul is-sena, nhar ta’ Ħadd

minn dil-knisja ttieħed f’oħra

fejn l-għoġbiet ma naqsu qatt

 

għal darb’oħra, d-destin daħal

għaċ-ċurkett għażiż, maħbub,

kien maħsub għalih mod ieħor,

mhux dan minnu kien mitlub

 

ftit tas-snin wara, Vinterju,

fra tedesk, intebaħ bih,

iċ-ċurkett għażiż xtaq jisraq

jaħrab bih, jieħdu għalih

 

il-fra msejken ħammem f’moħħu

żgur li l-Verġni taħseb fih

ebda deni ma jiġrilu

ebda għadu jħebb għalih

 

malli l-ħatem seħħlu jisraq

qilla xehbet f’wiċċ in-nies

kellu jaħrab, ħalla ’l Kjusi,

mill-ġustizzja b’għadu tqies

 

għal darb’oħra l-id setgħana

tal-Mulej, indaħlet fis

sabiex turi li Vinterju

għamel żball bħal tal-Markiż

 

sħaba dawret lill-fra miexi

safa mdejjaq u sogħbien

la ’l quddiem, u lanqas lura

ma pass medd, ma mar imkien!

 

Fehem il-fra, sinjal is-sema

ruħu nidmet għal li sar

ra li mn’Alla xejn jinsatar

li ma xtaqx li jieħdu d-dar

 

Huwa lissen wegħda sagra

talab ħin biex lilha jtemm

“fl-ewwel knisja illi nilħaq

inpoggih biex jibqa’ hemm”

 

bħal sajjetta s-sħaba għebet

il-fra seta’ jmidd il-pass

kompla triqtu ħiemed, ġwejjed,

ngħafset qalbu għal li ħass

 

l-ewwel belt li wasal fiha

sfat Perugia, post qaddis,

ra li hemm, il-Verġni xtaqet

li ċ-ċurkett ipoġġi fis.

 

Sab il-knisja, daħal ġwejjed,

ta’ Lawrenz, għadha sal-lum,

sab qassis u stqarrlu kollox

talbu jżommu jkun xi jkun

 

Kienet knisja għanja u sbejħa

b’kampnar għoli u qniepen kbar

li leħenhom jidwi ħlejju

kien jinstema’ sew madwar

 

Hemm żammew iċ-ċurkett sagru

il-fra għeb, ma semgħux bih

iżda l-qima tal-fidili

bdiet tiżdied, toktor qatigħ

 

Ta’ kull sena, f’jum il-festa

dan it-tempju jżuru sħiħ

nisa, rġiel, u tfal, ibusu

liċ-ċurkett li jemmnu fih

 

Waqt il-kant  t’Ave Marija

li qassis żagħżugħ idomm

mill-altar, iċ-ċurkett tagħha

jixħet grazzji minghand l-omm

 

Il-familja ta’ Ranieru

ir-rikkezzi fis ċediet

nidmet qalbhom, tnaddfet ruħhom,

għexu l-ħajja ta’ ċaħdiet.